Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

BUDGET 2024: Il-Gvern stess jikkonferma li l-paga qed tkompli titnaqqar

Iż-żieda fil-prezzijiet, skont l-aħħar ċifri ippubblikati mill-Gvern stess, kienet qawwija wisq meta kkumparata maż-żieda fil-pagi. U konsegwenza t’hekk qed ikompli jitnaqqar dak li realment il-ħaddiem qiegħed idaħħal fil-but.

Dan ħareġ mid-Dokument ta’ Qabel il-Budget li ġie preżentat mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana dalgħodu, fejn intqal li fl-2022 il-pagi nominali f’pajjiżna – ċioè il-pagi qabel it-taxxa – żdiedu bi 3.3%. Madanakollu ż-żieda fil-prezzijiet kienet ogħla.

Din hi konferma ċara u tonda li l-familji Maltin u Għawdxin mhux ilaħqu mal-għoli tal-ħajja u ż-żieda enormi fil-prezzijiet.

L-istess dokument li ħareġ il-Gvern juri li l-prezz tal-proprjetà kompla jiżdied, u li minkejja l-appelli kontinwi tal-esperti (inkluż issa anke tal-Kamra tal-Kummerċ) Clyde Caruana ta x’jifhem fil-pre-budget li qed jimmira lejn tranżizzjoni fil-mudell ekonomiku u mhux bidla. Dan ifisser li Caruana biddel diskorsu u dar għan-narrattiva ta’ Robert Abela.

Intqal ukoll li l-investiment f’pajjiżna huwa mistenni li jonqos b’aktar minn 16% u li konsegwenza ta’ hekk id-domanda domestika hija mbassra li tikkontribwixxi fin-negattiv għat-tkabbir ekonomiku.

Intant b’rabta mal-għajnuna tal-COLA, Clyde Caruana kkonferma li se tkun ogħla minn €9 – konsegwenza tal-inflazzjoni qawwija li pajjiżna qed iħabbat wiċċu magħha. Madanakollu ma kkonfermax kemm se tkun din iż-żieda u jekk hux se tkun eżentata mit-taxxa.

Il-Ministru spjega li matul is-sentejn tal-pandemija tal-COVID-19, il-Gvern ħallas €800 miljun f’pagi – madanakollu fl-ebda ħin ma semma kif se jkun qed iġib lura l-€400 miljun li ħallas lil Vitals Global Healthcare u Steward Healthcare f’servizzi tas-saħħa mhux provduti bħal ma’ kien stipulat….f’kuntratti dikjarati mill-Qorti bħala frawdolenti.

Dan minkejja li Caruana appella biex il-Gvern imur għal flusu.