Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Estradizzjoni għal Ungeriż li kkommetta serq f’pajjiżu u anke f’Malta

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat l-estradizzjoni ta’ Istvan Kovacs, Ungeriż ta’ 43 sena li kien qed jiġi mfittex minn pajjiżu biex jiskonta piena ta’ tliet snin ħabs fuq serq. L-Ungerija kienet għamlet talba lill-awtoritajiet Maltin għall-estradizzjoni tal-Ungeriż.

Fil-preżent Kovacs qed jiskonta piena ta’ 37 xahar ħabs wara li fis-27 ta’ Lulju li għadda ammetta li seraq ġojjellerija minn resiedenza f’San Pawl il-Baħar. Għaldaqstant meta jiskonta l-piena huwa jrid jintbagħat lura lejn pajjiżu.

Il-Maġistrat Rachel Montebello li kienet ikkundannata fuq is-serq f’Malta kienet ħarġet ordni ta’ trattament għal tliet snin biex jindirizza l-problema tal-alkoħol u ordnatlu jagħti lis-sidien tar-residenza €3,000 biex jagħmel tajjeb għall-flus u l-oġġetti li serqilhom.

Fil-konfront tiegħu l-awtoritajiet Ungeriżi kienu ħarġu żewġ mandati ta’ arrest bl-ewwel wieħed inħareġ fi Frar 2019. Dakinhar ingħad li Kovacs kien qed jiġi mfittex biex jiskonta piena ta’ tliet snin ħabs fuq serq u li dejjaq nies fil-pubbliku.

It-tieni mandat kien ħareġ f’Mejju tal-2022 u fih ingħad li qed jiġi mfittex mill-awtoritajiet ta’ pajjiżu biex jiġi investigat fuq traffikar ta’ droga. Il-Maġistrat Frendo Dimech ordnat li għalissa huwa ma jiġix estradit peress li l-liġi tagħtih seba’ t’ ijiem ċans biex jappella u sakemm jgħaddilu t-terminu ta’ priġunerija. Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Roderick Spiteri.