Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Iċ-Ċina: Investigati l-ħsarat fil-Ħajt il-Kbir ‘dovuti għall-iskavar’

L-awtoritajiet fiċ-Ċina qed jinvestigaw iċ-ċirkustanzi li wasslu biex parti mill-famuż Ħajt il-Kbir ( Great Wall) iġġarrab il-ħsarat waqt ħidma ta’ kostruzzjoni fil-provinċja ta’ Shanxi.

Intant, żewġ persuni – mara u raġel – li kienu għaddejjin bil-ħidma ta’ kostruzzjoni viċin il-parti tal-fortifikazzjoni antika  magħrufa bħala t-32 Ħajt Kbir inżammu mill-pulizija biex jgħinu bl-istħarriġ tal-każ.

Mifhum li l-arrestati użaw skavatur biex iwessgħu fetħa fil-Ħajt ħalli jgħaddu minnha bil-ħsieb li jiffrankaw il-ħin tax-xogħol.

Fil-fatt, il-pulizija qalu li dan sar bil-ħsieb li l-ħaddiema jnaqqsu mid-distanzi ‘bejn biċċa xogħol u oħra’ u li l-arrestati, bl-aġir tagħhom, ikkaġunaw ‘ħsarat irriversibbli fil-Ħajt li ilha s-sekli bħala ġawhra storika sinomima mal-identità taċ-Ċina’

It-32 Ħajt Kbir, li jinsab fid-distrett ta’ Youyu, hi sezzjoni tal-Ming Great Wall — network twil ta’ fortifikazzjonijiet kategorizzat bħala sit storiku u kulturali li hu wkoll protett bħala parti mill-patrimonju dinji.