Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Il-Messiku: Għall-ewwel darba…Il-Presidenza se tkun ikkuntestata bejn żewġ nisa

Qed jidher kważi ċert li l-poplu Messikan, għall-ewwel darba fl-istorja, se jeleġġi l-ewwel mara bħala President tal-pajjiż.

Dan wara li Claudia Sheinbaum, l-eks Sindku fil-Belt tal-Messiku, kienet ikkonfermata bħala l-kandidat li se tirrappreżenta lill-partit fil-Gvern fl-elezzjoni presidenzjali li għandha ssir is-sena d-dieħla.

Intant, ir-rivali ewlenija ta’ Shainbaum se tkun Xóchitl Gálvez, li qed tmexxi lill-koalizzjoni Messikana u li għandha l-għeruq sodi fil-komunità indiġena tal-Messiku.

Sheinbaum, xjenzata ta’ 61 sena, hi alleata kbira tal-President Messikan Andrés Manuel López Obrador, li hu politiku tax-xellug. U waqt li hi tinsab fiduċjuża mir-rebħa, l-indikazzjonijiet diġà qegħdin juruha bħala favorita – b’mod partikulari għaliex Lopez Obrador qed igawdi appoġġ popolari ekwivalenti għal aktar minn 60 fil-mija fost il-poplu.

Intant, il-President irid jitlaq bilfors mill-kariga wara mandat ta’ sitt snin skont il-Kostituzzjoni tal-Messiku.

Fl-istess ħin, mistenni xorta li Galvez – meqjusa bħala ‘mara tal-poplu’ – għandha tagħti sfida denja li Sheinbaum minħabba li hi popolari ħafna mal-ħaddiema u l-Messikani żgħażagħ. Din il-kandidata magħrufa wkoll għall-battibekki mal-President Lopez Obrador dwar il-ħtieġa li l-Istat jikkonfronta l-livelli kbar ta’ vjolenza flimkien mal-kriminalità organizzata fil-Messiku.