Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Il-Ministri skomdi quddiem l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali

Pubblikament il-Prim Ministru Robert Abela ma lissen ebda kelma b’rabta mar-racket ta’ frodi mill-benefiċċji soċjali li kien żvelat fl-aħħar jiem – u dan huwa ta’ tħassib.

Sostna dan il-Partit Nazzjonalista hekk kif ġie żvelat li l-eks Deputat tal-Labour Silvio Grixti, li rriżenja lura fl-2021, qed jissemma bħala l-persuna li għal snin sħaħ ta lil mijiet ta’ persuni l-faċilità li jirċievu benefiċċji soċjali li ma kienux intitolati għalihom, b’mod frawdolenti u kriminali.

Qed jiġi rrapportat fil-midja lokali li hemm Ministri preżenti li rreferew lil dawn il-persuni għand Grixti, fosthom il-Minsitru Owen Bonnici illi ċaħad kategorikament … kif ukoll il-Customer Care ta’ Kastilja, u uffiċjali fi ħdan Ministeri oħrajn.

Filwaqt li fi stqarrija permezz ta’ e-mail l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ċaħad dawn l-allegazzjonijiet li qed jiġi rrapportat li għamluhom persuni f’ammissjoni mal-Pulizija…Net News staqsa lil uħud mill-Membri tal-Kabinett ta’ Abela u eks kollegi ta’ Grixti dwar dan l-iskandlu ta’ serq minn flus il-poplu.

Kemm il-Ministru tal-Housing Roderick Galdes kif ukoll il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ċaħdu li kellhom għarfien dwar dak li kien qiegħed jiġri. U meta saqsejnihom jekk kelmux l-uffiċjali fil-Ministeru rispettiv tagħhom, la darba qed jiġi allegat li hemm persuni involuti minn Ministeri varji…Galdes ma weġibx.

Saqsejnihom ukoll jekk kellimhomx Robert Abela wara l-aħħar skandlu, fost lista twila, li qed jiġi allegat li hemm involuti direttament persuni fil-Kabinett u minn Kastilja…. bil-Ministru Silvio Schembri jgħidilna li ma kelmux kif ukoll li la darba dawn għadhom biss allegazzjonijiet ħadd m’għandu jerfa’ responsabbiltà politika.

Minn naħa l-oħra l-Ministru Galdes meta saqsejnih  jekk kelmux il-Prim Ministru jew min għandu jerfa’ responsabbiltà politika…huwa bagħtna għand il-Pulizija – iżda bl-aktar mod skomdu ħarab milli jwieġeb għal aktar minn darba.