Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Illiberat wara li tajjar żagħżugħ għax il-każ ġie preskritt

Raġel ġie lliberat minn akkużi li b’sewqan perikoluż għal ftit ma ħasditx il-ħajja taż-żagħżugħ Matteo Grima ta’ 18-il sena minħabba li l-każ spiċċa preskritt. Raymond Camilleri ta’ 64 sena ġie lliberat minn kull akkuża miġjuba kontrih wara li tressaq il-Qorti akkużat li f’April ta’ tliet snin ilu fir-Rabat tajjar lil Grima li spiċċa fit-Taqsima tal-kura intensiva.

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, semgħet lill-prosekuzzjoni tgħid li l-inċident seħħ fit-23 t’April tal-2020 fi Triq Ħad-Dingli. L-inċident kien ħalla lil Matteo Grima, player ta’ Mtarfa FC f’koma għal ġimgħatejn. Meta beda jirkupra f’post fuq FACEBOOK, Grima kien qal –

“Kont gravi ħafna u nfatti għalhekk jiena nsejjaħlu miraklu. Għax iċ-ċans li nsalva kien veru żgħir u anki l-fatt li rnexxieli nirkupra daqshekk malajr hi xi ħaġa inkredibbli. Issa ninsab ħafna aħjar, esperjenza diffiċli pero’ bil-mod mixjin ‘l quddiem.

“Kont qed niġri bħalma kont nagħmel ta’ kuljum minħabba li taħriġ ma kellniex minħabba l-Covid19. Għamilt 12-il ġurnata f’koma li ma niftakar xejn minnhom. Għamilt ġimagħtejn biex ġejt f’sensija. Il-biżgħa tal-familjari kienet li eżatt malli waslu fl-ITU wara l-inċident u staqsew lit-tobba, huma qalulhom li ċ-ċans hu li jiena noħroġ mejjet jew b’diżabilita’. Għall-grazzja t’Alla l-ebda minnhom ma ġrat”.

“Sar miraklu għax ‘il quddiem nista’ nkompli l-ħajja simili ta’ kif kont qabel. Nista’ nitkellem, nimxi u fi tliet ġimgħat mill-inċident ħriġt mill-isptar. Missieri jgħid li meta sar l-inċident hu u oħti kienu qed jgħidu r-rużarju f’kappella l-Imtarfa”.

“U interessanti li kif qomt mill-koma kien proprju waqt l-innu marċ tal-Lunzjata li tant inħobb. Minn tant santi, fil-kamra qrib l-operazzjoni, fuq mejda missieri kien sab santa tal-Lunzjata waħedha u ħadha miegħu biex tgħinni mat-talb. Issa sirt nemmen iżjed fit-talb. Saret awtomatika li ngħid talba qabel ma norqod”, kien qal iż-żagħżugħ.

Camilleri ġie lliberat minn kull azzjoni fil-konfront tiegħu wara li ġie konkluż li l-akkużi huma preskritti. Jirriżulta, li huwa ġie notifikat biex jidher il-Qorti fit-13 ta’ Lulju tas-sena l-oħra, jiġifieri aktar minn sentejn minn meta seħħ l-inċident. Il-prosekuzzjoni mexxiet mill-Ispetturi Roderick Attard u Charlotte Curmi.