Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Ir-residenti ta’ Ħal Luqa jilmentaw dwar it-telqa li ħakmet ir-raħal

Fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ Il-Mument għadd ta’ residenti f’zoni differenti fil-lokalità ta’ Ħal Luqa u lmentaw magħna li f’din il-lokalità bħal donnu li la jeżisti Gvern Ċentrali u anqas Kunsill Lokali għaliex ma’ kull jum li jgħaddi, il-ħmieġ, it-telqa u l-imbarazz fit-toroq qiegħed jiżdied b’rata allarmanti.


Qalulna dawn ir-residenti, li dwar din is-sitwazzjoni xejn sabiħa li qegħda tiżviluppa f’Ħal Luqa tkellmu wkoll mad-Deputati Laburisti tad-Distrett u anki mal-Kunsill Lokali Laburista… iżda kull karba waqgħet fuq widnejn torox għaliex it-telqa, il-ħmieġ, l-iskart u l-iżbandar kull fejn tħares flok naqsu komplew jiżdiedu.


Qalulna li wieħed jista’ jara b’għajnejh stess it-telqa u l-ħmieġ fl-inħawi tal-kantuniera ta’ Triq Sir
Ugo Mifsud ma’ Triq Sant’ Andrija… fejn ftit metri ’il bogħod hemm id-daħla għal-Lelluxa Luqa Childcare and Development Centre li fih jattendu kuljum numru ta’ studenti żgħar. Din hi sitwazzjoni li qed tipperpetwa ma’ kull jum li jgħaddi, u r-ritratti jixhdu dan kollu.


Xi ngħidu għas-sitwazzjoni fi Triq Sant’Andrija viċin Wesgħat Dun Joe Camilleri fejn hemm numru ta’ bankijiet fi spazju miftuħ għar-residenti tal-viċin! Ta’ kuljum ikun hemm boroż u skart mormi viċin dust bins li ma jkunx se jinġabar dakinhar. U ma jittieħdu l-ebda passi!


Ir-residenti li tkellmu magħna qalulna li minn ċerti toroq ilu ma jgħaddi kennies għadd ġmielu ta’ ġimgħat. Xhieda ta’ dan hu l-ħmieġ fuq il-bankini u taħt il-bankini… fosthom fi Triq il-Wilġa fejn qiegħed ikompli jinġema’ ħafna ħmieġ.


Imbagħad telqa papali fil-ġnien tal-Playing Field ta’ maġenb il-Luqa Boċċi Club. Skart differenti qiegħed jiġi mormi fil-ġnien biswit il-Playing Field. Żgur li dan l-spazju jista’ jiġi wżat b’mod ħafna aħjar jekk jinżergħu iżjed pjanti, siġar u fjuri staġjonali biex isebbħu l-ġnien. Tqum il-mistoqsija jekk
il-boroż suwed mormija humiex skart redisenzjali jew skart mil-Luqa Boċċi Club?


Qalulna wkoll dwar is-sitwazzjoni fi Triq il-Ġdida… ħajt ta’ għalqa fi triq passaġġa li hemm partijiet minnu mwaqqa’ u mhux sikur għal minn ikun għaddej u miexi maġenbu. Ftit ’l isfel, inbena ħajt imma ma tkompliex. Nuqqas ta’ sinjali tat-toroq matul it-triq.


L-istess diskors dwar telqa jista’ jingħad għal Triq Patri Schembri fejn hemm ammont kbir ta’ ġebel mormi fuq ħajt tas-sejjieħ b’ammont ta’ skart jinġabar taħt il-ħajt. Magħhom ukoll boroż griżi bi skart imħallat fihom!


Telqa wkoll fi Triq il-Karmnu… bankina mkissra u ammont ta’ skart mormi matul it-triq, nuqqas ta’ tindif mill-kennies tal-lokal.


Xena xejn pjaċevoli fi Triq Ġużeppi Ellul… plot vojt li jinżel taħt il-livell tat-triq u ma hemmx ħajt ta’ lqugħ mibni. Bankina ma teżistix.


U xi ngħidu għal art faċċata tal-Luqa Football Ground. Ħmieġ u rwejjaħ qawwija ta’ ikel skadut suppost għall-qtates.

Telqa wkoll fi Triq San Tumas. Ħaxix fuq il-bankina, maqtugħ u mħolli biex jinxef mingħajr ma nġabar mill-ħaddiema ta’ Clean Malta.


Imbagħad ħġieġa kbira tal-bus shelter imkissra, ħġieġ mal-art, din il-bus shelter suppost li tintuża kuljum!