Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Konfużjoni dwar Silvio Grixti u l-iskandlu tal-benefiċċji

Wara li l-President u d-Deputat Mexxej tal-Labour ma ċaħdux li l-eks Membru Parlamentari Silvio Grixti għadu membru fil-Partit Laburista…issa l-Labour qed jgħid li Grixti waqaf iħallas it-tessera tiegħu fl-2021. Dan fi żmien meta kienet tħabbret ir-riżenja tiegħu minn Membru Parlamentari Laburista hekk kif kien qed ikun investigat b’rabta maċ-ċertifikati tal-mard li kien joħroġ, u l-iffirmar ta’ dokumenti foloz.

Din il-konfużjoni dwar l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali kompliet teskala wara li fl-aħħar 24 siegħa il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard u d-deputat mexxej Daniel Micallef – żewġ uffiċjali għolja tal-Partit Laburista – ma ċaħdux li t-tabib Silvio Grixti għadu membru fil-Partit Laburista. Sabiex l-għada, mat-Times, kelliem għall-partit qal li effettivament Grixti m’għadux tesserat – għalkemm sa issa, ma ħarġet ebda stqarrija uffiċjali.

Lanqas il-Ministru Michael Falzon ma ċaħad li Grixti għadu membru fil-Partit Laburista. Dan minkejja li l-Pulizija ilhom sentejn sħaħ jinvestigawh, minn mindu irriżenja mill-Parlament.

Meta Michael Falzon, il-Ministru responsabbli politikament mis-settur socjali – kien qed jindirizza lill-ġurnalisti flimkien mal-Ministru Byron Camilleri …. u ġie mistoqsi dwar il-persuni involuti f’dan is-serq ta’ miljun ta’ ewro mill-benefiċċji… hu ikkonferma li l-persuni involuti f’dan ir-racket ta’ frodi issa telgħu għall-180 persuna.

Fil-Qorti, sa issa, tressqu biss uħud min-nies li ħadu dawn il-flejjes. Iżda ħadd mill-hekk imsejħa “ħut il-kbir” għadu ma tressaq. U ħadd ma jaf fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.