Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

“L-UE jeħtieġ ikollha pjan ta’ kif se twettaq ir-riformi meħtieġa u tagħti nifs ġdid lill-Ewropa”

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ ikollha pjan ta’ kif se twettaq ir-riformi meħtieġa u tagħti nifs ġdid lill-Ewropa. Qalet li dan hu dak li qed jistennew in-nies, anke jekk dan ifisser li jridu jittieħdu deċiżjonijiet diffiċli. Il-President u MEP eletta f’isem il-Partit Nazzjonalista qalet dan waqt intervista qabel id-diskors annwali li jsir mill-President tal-Kummissjoni Ewropea nhar l-Erbgħa. Fid-diskors imsejjaħ ‘l-Istat tal-Unjoni Ewropea’, li hu l-aħħar wieħed tal-President Ursula Von Der Leyen qabel l-elezzjoni Ewropea ta’ Ġunju, jitħabbru l-prijoritajiet għall-Ewropa għas-sena li ġejja.

Il-President Metsola spjegat li l-politiċi jeħtieġ jisimgħu u jifhmu t-tħassib tan-nies. Semmiet sensiela ta’ liġijiet li ħadem fuqhom il-Parlament Ewropew fl-aħħar xhur, fosthom biex jindirizza t-tibdil fil-klima, biex jipproteġi il-libertà tal-espressjoni, u biex iħares lin-nies minn abbużi li jistgħu jinħolqu bl-avvanz fit-teknoloġija. Mistoqsija dwar kif stħarriġ tal-Ewrobarometru juri li maġġoranza b’saħħitha tan-nies għandhom fiduċja fl-istituzzjoni mmexxija minnha u jindika żieda f’dawk interessati li jivvutaw s-sena d-dieħla, l-President Metsola qalet li dan hu minħabba il-bniedem hu fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Parlament Ewropew. Sostniet li eżempju ta’ dan kienet fost l-oħrajn l-irwol ewlieni li kellu l-Parlament Ewropew biex ingħata l-akbar pakkett finanzjarju li bih setgħet tirkupra l-ekonomija Ewropea wara l-pandemija. 

Madanakollu, meta mistoqsija dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, b’aktar pajjiżi jistennew biex isiru Stati Membri, Roberta Metsola qalet li dan ikun ifisser li jkollna kontinent aktar sikur, stabbli u ħieles.

Dwar kif l-isfidi ekonomiċi u soċjali li qed jiġu esperjenzati minn diversi pajjiżi membri, l-President Metsola kienet ċara: “Irrid Unjoni Ewropea li tibqa’ d-dar ta’ kulħadd. Li tibqa’ kompetittiva waqt li ttaffi l-impatt ekonomiku u soċjali.”