Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Nagorno-Karabakh: Splużjoni qattiela fost il-kriżi umana

Talanqas 20 persuna tilfu ħajjithom, b’mijiet oħra jindarbu, fi splużjoni li qerdet depot tal-fuel fl-inħawi ta’ Nagorno-Karabakh…Territorju li ftit tal-jiem ilu waqa’ taħt il-kontroll tal-Ażerbajġan wara battalji intensivi bejn il-qawwiet Ażeri u l-ġellieda Armeni-etniċi f’dik iz-zona.

It-traġedja seħħet fost waħda mill-akbar evakwazzjonijiet ta’ refuġjati mill-bidu tal-gwerra tal-Ukrajna, bil-Gvern tal-Armenja jikkonferma li ‘il fuq minn 15,000 refuġjat laħqu qasmu lejn artu mill-artijiet ta’ Karabakh fejn kienu qed  jgħixu mal-120,000 Armeni etniċi.

Intant, ir-rapporti dwar l-isplużjoni f’Nagorno-Karabakh qalu li ‘il fuq minn 300 midruba ddaħħlu l-isptar b’urġenza u fejn ammont sinifikanti minnhom kienu f’kundizzjoni kritika. Dan jindika li ċ-ċifra finali tal-mejtin mill-isplużjoni għandha tkun bil-wisq għola mill-ammonti  kkonfermati, bit-tobba bilkemm qed ilaħħqu mal-feruti fost sitwazzjoni mill-aktar diffiċli.

Hu minnu wkoll li l-Ministeru tas-Saħħa fl-Armenja bagħat il-ħelikopters biex jevakwaw lill-pazjenti mill-isptarijiet f’Nagorno-Karabakh  u meta dawn il-kumplessi ma jistgħux ilaħħu mal-ammonti tan-nies fi bżonn ta’ trattament urġenti. Dan waqt li l-awtoritajiet fl-Ażerbajġan bagħtu ammont ta’ provvisti mediċi lejn ir-reġjun.

Min-naħa tiegħu, Gegham Stepanyan, bħala l-Ombudsman tad-Drittijiet Umani fir-reġjun, wissa lill-komunità internazzjonali dwar il-kundizzjoni allarmanti ta’ ħafna mill-feruti, fost l-insistenzali l-kapaċitajiet mediċi f’Nagorno-Karabakh żgur li ma jlaħħqux mal-ħtieġa attwali.

Fl-aħħar sigħat, eluf ta’ refuġjati kienu għadhom fl-artijiet ta’ Nagorno-Karabakh u meta l-maġġoranza assoluta ta’ dawn jippreferu akkost ta’ kollox li jibdew ħajja ġdida fl-Armenja milli jispiċċaw ‘assimilati’ bħala ċittadini ġodda tal-Ażerbajġan .

Mindu l-qawwiet Ażeri ħatfu r-riedni f’Nagorno-Karabakh,  madwar seba minn kull għaxar residenti fir-reġjun iddeċidew li jitilqu mill-inħawi u ladarba  l-Gvern Armen impenja ruħu għar-rilokazzjoni tar-refuġjati.