Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Omm ta’ ġuvni b’cerebral palsy: “Il-Gvern mhu jagħtina xejn”

“Lilna qegħdin jieħdulna dak li kellna”

Hija din id-dikjarazzjoni li tatna omm ta’ ġuvni ta’ 20 sena illi għandu l-kundizzjoni tas-cerebral palsey – mara li bi swied il-qalb qasmet maghna l-esperjenza taghha, dwar il-fatt li l-piżijiet fuq il-familji qed ikomplu jiżdiedu.

Mariella Palmier, tkellmet ma’ Net News u spjegat kif bħalissa mhux qed tingħata l-mediċini u l-ħalib adekwat għat-tifel tagħha għaliex il-Gvern waqqafhom jew qed iġib tipi oħrajn – dan hekk kif hu għandu PEG; aċċess mediku li jidħol dirett fl-istonku tiegħu.

Hi spjegat li l-ħalib li qed jingħata b’xejn, li hu l-għejxien ta’ dan il-ġuvni, ma jaqbilx miegħu. B’hekk ikollha tixtri l-ħalib addattat għat-tifel tagħha minn butha. Dan minkejja li l-konsulent tal-isptar applikalha sabiex tieħu ħalib speċifiku mingħajr ħlas.

Palmier insistiet ma’ Net News li minħabba din ir-raġuni qed ikollha tixtri ħames fliexken ħalib kuljum minn butha – ħalib li jiswa’ madwar 3 ewro kull bott.

Hi spjegat li qed tixtri mediċini li jkollu bżonn binha ta’ kuljum minn butha ukoll…dan hekk kif il-mediċina Nexium, li tintuża għall-istonku, kienet ingħatat b’xejn lura fl-2018, għal madwar xahrejn.

Iżda n-Nexium, li tista’ tintuża mill-aċċess mediku tal-ġuvni għaliex titħallat mal-ilma, issa nbidlet f’waħda li ma tistax titħallat- u huwa għalhekk li ma tistax tintuża minn dan iż-żagħżugħ. 

Għalhekk, din l-omm spjegat li issa qed tonfoq madwar 38 ewro kull 9 ijiem fuq din il-mediċina, li jammontaw għal aktar minn €1,300 fis-sena.

Din l-omm qaltilna li ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2022, kienet marret titkellem mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne…..fejn insista li mediċina addatta għall-ġuvni hi aċċessibbli. Iżda meta staqsietu jgħidilha x’inhi din il-mediċina..huwa qam u telaq l-barra.

Mariella Palmier stqarret ma’ Net News li tinsab inkwetata għaliex avolja issa taffordja l-bżonnijiet ta’ binha, ma tafx x’se jiġri jekk tiġi nieqsa hi. Dan għaliex il-ġuvni jaqla’ biss 711 ewro f’pensjoni tad-diżabbiltà.

L-omm żiedet li dawn l-ispejjeż huma apparti l-ispejjeż tal-makkinarju illi juża binha ta’ kuljum, inkluż l-wheelchair u s-sodda speċjalizzata tiegħu.

Ma’ dan l-istazzjoni… hi saħqet li kulma għandu bżonn li t-tifel tagħha hu li jieħu dak li hu intitolat għalih.

F’dawn l-aħħar xhur, bosta familji tkellmu ma’ dan l-istazzjon u spjegaw illi il-piż tal-ħajja qed jinħass aktar minn qatt qabel. Dan hekk kif l-Gvern ta’ Robert Abela, qed jibqa’ jkaxkar saqajh quddiem din ir-realtà.

Minn naħa l-oħra, il-PN ilu xhur li ressaq proposti biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja. Tant li ħareġ bil-proposta sabiex il-ħaddiema jingħata iż-żieda sħiħa tal-COLA – bil-għan li l-familji jibqalhom aktar flus fil-but.