Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

AĠĠORNATA: Jinstab mejjet l-għaddas li kien nieqes fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar

Instab mejjet l-għaddas li fl-aħħar sigħat kien imfittex mill-Membri tal-Forzi Armati ta’ Malta fl-inħawi tax-Xatt ta’ Buġibba, il-gżejjer ta’ San Pawl u l-Imġiebaħ.

Christian Degabriele li għandu 35 sena, kien miż-Żejtun iżda kien joqgħod Ħal Għaxaq. Huwa wkoll membru fi ħdan l-istess Forzi Armati ta’ Malta u kien stazzjonat fis-sezzjoni Marittima tal-Armata. Huwa kien missier ta’ tifla.

Sorsi ta’ Net News qalu li flimkien ma’ Degabriele kien hemm fizjal li kien qed jogħdos miegħu. Huma t-tnejn kienu qed jogħdsu bin-nifs u kien sieħbu li talab għall-għajnuna tal-Forzi. Mhux qed ikun eskluż li l-għaddas intlaqat minn xi dgħajsa dan hekk kif jidher li l-ħabel tal-baga nstab maqtugħ.

Fiz-zona tal-gżejjer ta’ San Pawl hemm diversi cameras ta’ Transport Malta li fis-sigħat li ġejjin se jkunu qed jiġu analizzati l-filmati miġbuda.

L-ewwel talba għall-għajnuna daħlet għall-ħabta tal-5.30pm tal-Ħamis, bit-tfittxija ddum sa tard bil-lejl u ssoktat kmieni l-Ġimgħa filgħodu fl-inħawi tal-gżejjer ta’ San Pawl u l-Imġiebaħ. It-tfittxijiet kienu qed isiru kemm permezz tal-baħar u kif ukoll permezz tal-ajru.

Il-katavru tal-vittma nstab għall-ħabta tad-8.45am. Huwa ttella’ l-art fil-Bażi Marittima f’Xatt it-Tiben fil-Floriana.

Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella li ħatret bosta esperti biex jgħinuha.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjoni tagħha dwar il-każ.

Ikkummenta