Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Suċċess kbir għall-aħħar Rockestra taħt il-Presidenza tal-President George Vella

Rockestra ta’ din is-sena b’risq The Malta Community Chest Fund kienet l-akbar waħda taħt il-Presidenza tal-President George Vella.

Eluf ta’ nies attendew għall-ispettaklu mill-isbaħ li ttella’ lbieraħ filgħaxija fl-MFCC, Ta’ Qali, bis-sehem ta’ aktar minn 20 kantant u kantanta u The Malta Philharmonic Orchestra.

Il-President ta’ Malta, George Vella, qal li t-tħejjijiet li saru din is-sena ħallew impatt pożittiv ħafna fuq l-attendenza numeruża, l-organizzazzjoni professjonali u l-entużjażmu ta’ dawk kollha li attendew.

Id-Direttur Mużikali ta’ Rockestra, Aurelio Belli, li huwa wkoll ibbenefika mill-għajnuna ta’ The Malta Community Chest Fund, qal li Rockestra rnexxielha tirrifletti t-tema magħżula, ‘more than a feeling’. Iddeskriva l-ispettaklu tal-bieraħ bħala vjaġġ ta’ ħafna emozzjonijiet b’mużika rock varja mis-snin sebgħin sal-lum.

Id-Direttur Artistiku ta’ Rockestra, Pawlu Borg Bonaci, qal li jinsab sodisfatt ħafna li minkejja li għaddew 15-il sena mill-ewwel edizzjoni ta’ dan l-avveniment, in-nies baqgħu jattendu bi ħġarhom u din is-sena l-atmosfera kienet waħda inkredibbli. Stqarr li s-suċċess ta’ Rockestra ġej mill-fatt li n-nies jieħdu gost bil-mużika u fl-istess waqt konxji li qed jgħinu lil min jirrikorri għall-għajnuna ta’ The Malta Community Chest Fund.

Wara l-ispettaklu, President Vella mar personalment jirringrazzja lill-artisti, lill-mużiċisti u lill-voluntiera kollha involuti biex dan l-avveniment ittella’ b’tant suċċess u dedikazzjoni. Il-President ħeġġeġ lill-pubbliku jkompli jieħu sehem fl-attivitajiet u l-inizjattivi li se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin biex jinġabru aktar fondi għal The Malta Community Chest Fund.

Intant, f’nofs Rockestra, il-President George Vella ġie ppreżentat b’kitarra ffirmata mill-artisti kollha li ħadu sehem fl-edizzjonijiet kollha li saru matul din il-Presidenza.