Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

“X’se ngħidlu lil Ian Borg?” – Abela jiddefendi lill-Ministru wara li kienu żvelati ċ-chats

Attakk fuq il-ġurnal Times of Malta – u difiża bla limitu fil-konfront tal-Ministru Ian Borg u l-Customer Care ta’ Kastilja.

Kienet din l-ewwel reazzjoni tal-Mexxej Laburista Robert Abela għaċ-chats żvelati mis-Sunday Times, b’rabta mar-racket tal-liċenzji tas-sewqan. Bil-Prim Ministru, b’mod surreali, jattakka lit-Times u jipprova jirredikola l-ħidma tal-ġurnalist Jacob Borg.

Sa issa tressqu l-Qorti tliet persuni biss b’rabta ma’ dan ir-racket, deskritt bħala korruzzjoni istituzzjonalizzata; tant li minflok ħa passi fil-konfront tal-Ministru Ian Borg, Abela qed jibqa’ jiddefendih.

Meta indirizza lill-partitarji tieghu fic-Centru Nazzjonali Laburista waqt sessjoni Q&A, Abela iddefenda l-customer care ta’ Kastilja kif ukoll tal-Ministeri varji – fejn sostna li lkoll kemm huma qed jagħmlu xogħlhom mingħajr ma jħarsu lejn kulur politiku.

Iżda ċ-chats żvelati mit-Times juru biċ-ċar li kien hemm istanti fejn ċertu nies twarrbu għal kollox għax ma kienux se jakkwistaw vot minn għandhom. Bħal per eżempju filkaż ta’ Ray Mizzi, eks uffiċjal fil-Customer Care tal-OPM, li illum jaħdem mal-Ministru Michael Falzon.

Iċ-chats urew iswed fuq l-abjad kif minflok qiegħda lil xi ħadd li ma kienx jaf x’kulur politiku hu, insulentah u offendih mad-direttur tal-liċenzji ta’ Transport Malta.

Tali aġir tal-Prim Ministru waqt l-attività Laburista tal-Ħadd kien ikkundannat minn bosta persuni – b’nies fil-Labour stess qed jgħidu illi minflok kien iebes ma dan l-aġir korrott u sistematiku, Abela ħeġġeġ kemm lill-Ministru Borg u lil niesu…sabiex jibqghu għaddejin.

Intant il-Q&A kienet ikkaratterizzata minn mistoqsijiet preparati minn qabel, b’uħud saħansitra jaqraw id-domandi minn fuq il-mobile, u oħrajn jeħlu fil-mistoqsija…u jitolbu l-assistenza ta’ ma ġenbhom biex inewlulhom il-mobile.

Iżda finalment, Robert Abela temm is-sessjoni f’ammissjoni ta’ falliment rigward il-linja nazzjonali tal-ajru tal-AirMalta…fejn filwaqt li xeħet ir-responsabbiltà kollha fuq Gvern Nazzjonalista ironikament nesa li l-Labour ilu aktar minn 10 snin fil-Gvern u li ftit tax-xhur qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017…b’ħafna pompa kienu qalu li l-Air Malta bdiet tagħmel profitt….

Iżda fi kliemu stess….l-Air Malta kif nafuha illum se tagħlaq għaliex l-ebda riforma ma ħadmet.