Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

“Gvern li jpoġġik f’periklu fit-triq, basta jirbaħ il-vot” – PN

Robert Abela mifni bi skandlu wara ieħor fl-Uffiċċju tiegħu.

Fi stqarrija miktuba mill-Kelliem għat-Trasport, Mobilità u l-Proġetti Kapitali, Adrian Delia f’isem il-Partit Nazzjonalista tgħid li r-rivelazzjonijiet li ħarġu dalgħodu mill-gazzetta tat-Times of Malta jkomplu jiżvelaw kif il-Gvern ta’ Robert Abela ma jimpurtahx mis-sigurtà tan-nies, lanqas fit-triq, għax għalih l-importanti biss li jirbaħ il-vot.

L-aħħar skandlu fejn il-Ministru Ian Borg u uffiċjali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja u canvassers tal-Ministri kienu involuti direttament biex waslu individwi li jgħaddu mit-testijiet tas-sewqan meta ma kienx ħaqqhom, ikompli jitfa’ l-melħ fuq il-ferita għal min xi darba emmen li l-Gvern Laburista huwa ġenwin f’azzjonietu.

X’inhu jżomm lil Robert Abela milli jġiegħel lil Ian Borg jerfa’ xi forma ta’ responsabbiltà politika? Issa li jaf biċ-ċert b’dan l-iskandlu x’passi se jkun qed jieħu?

Uffiċjali fi ħdan il-Partit Laburista ftaħru li għaddew mit-test nies li huma ta’ periklu taċ-ċittadin Malti fit-triq, l-aqwa li joħdulhom il-vot.

L-istess rapporti żvelaw li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà kellu c-chat logs ta’ dan l-aħħar skandlu, u m’għamel xejn.

Huwa ta’ għajb li mill-ġdid, f’temp ta’ ftit ġimgħat, qed ngħixu skandlu ieħor. Skandlu li ġab għal darb’oħra inugwaljanza fost il-poplu, b’aktar periklu fit-toroq Maltin u Għawdxin.

Evidenti li Robert Abela bla direzzjoni, bil-politika ta’ qerq tieħu l-unika prijorità. Abela moħħu biss fin-numri tal-voti. Għalih il-poplu huwa biss vot.

Il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni għal ħarsien, li jtik prijorità fit-toroq, li jtik is-sigurtà. Il-Partit Nazzjonalista jiggrantilek ħajja aħjar f’pajjiżna.

Ara hawn x’qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech dwar dan kollu permezz ta’ post fuq Facebook.