Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Sentenza mill-Qorti favur il-PN kontra l-Awtorità tax-Xandir u l-PBS kienet waħda ġusta – Il-PN jirribatti l-appell fil-Qorti

Is-sentenza mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti Kostituzzjonali li kienet laqgħet it-talba tal-Partit Nazzjonalista u ddikjarat li l-Awtorità tax-Xandir naqset milli tassikura li tinżamm imparzjalità dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika hija waħda ġusta.

Kif kienet ġusta d-deċiżjoni tagħha li m’aġġixxitx b’ħeffa meta x-Xandir Nazzjonali, l-PBS għal żmien konsiderevoli naqset li tobdi l-ordni tagħha fil-każ tax-xandira dwar il-flyover tal-Marsa. Dan kien spjegat b’mod ċar f’rikors li għamel il-Partit Nazzjonalista wara l-appell li sar mill-Awtorità u l-PBS li x-xahar li għadda sabithom ħatja li naqsu fil-konfront tal-PN.

Fir-rikors li ġie preżentat kontra l-Awtorità tax-Xandir, il-PBS, l-eks Ministru Carmelo Abela, li kien il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mix-Xandir Pubbliku u l-Avukat tal-Istat, il-PN qal li s-sentenza mogħtija mill-Prim Awla ta’ l-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) fl-14 ta’ Lulju 2022, hija ġusta, u għandha tiġi kkonfermata.

Il-pluraliżmu fix-xandir “eskluda” kwalunkwe limitazzjoni għad-dritt tal-libertà tal-espressjoni li baqgħet “bla mittiefsa” kemm jekk xandir bilanċjat kien jeżisti jew le, sostniet l-Awtorità tax-Xandir. Dak kien wieħed mill-argumenti li fuqu l-appell imressaq mill-għassies tax-xandir kontra sentenza mogħtija x-xahar li għadda f’kawża kostituzzjonali mressqa mill-Partit Nazzjonalista li sostna li d-drittijiet tiegħu nkisru mill-preġudizzju politiku u l-propaganda tax-xandar tal-Istat.

Dan l-argument kien deskritt bħala “perikoluż immens,” mill-PN fir-risposta tiegħu fejn sostna li linja ta’ raġunament bħal din għandha tiġi eskluża mill-Qorti Kostituzzjonali meta tagħti s-sentenza finali. Il-kwistjoni ta’ xandir bilanċjat kienet separata u distint mid-dritt tal-partit għal-libertà tal-espressjoni li baqa’ “bla mittiefsa” irrispettivament minn jekk tali bilanċ kienx jeżisti jew le, qal l-argument tal-Awtorità.

Raġunar bħal dan kien jimplika li sakemm il-PN kellu l-istazzjon tiegħu, dan kien biżżejjed biex jiggarantixxi d-dritt fundamentali tiegħu għall-espressjoni ħielsa peress li l-partit kellu kull mezz biex iwassal il-messaġġ tiegħu lill-pubbliku.

Il-PN fit-tweġiba qal li l-Qorti kellha tieħu pożizzjoni qawwija kontra tali argument. Il-partit kien preżenta rikors quddiem il-qrati fuq żewġ inċidenti separati. L-ewwel wieħed kien jikkonċerna dewmien ta’ tliet xhur mill-PBS biex jippubblika dritt ta’ tweġiba li rebaħ il-PN, wara li darbtejn ressaq ilment quddiem l-Awtorità tax-Xandir.

Dak id-dritt ta’ tweġiba ħareġ minn intervista mxandra fuq TVAM dwar il-proġett tal-‘flyover’ tal-Marsa li għadu kif ġie inawgurat, wara li dik l-intervista kienet meqjusa bħala “pjuttost estensiva u setgħet tagħti lok għal propaganda.” Issa l-Awtorità kienet qed issostni fl-appell tagħha li ma setgħetx tinżamm responsabbli għal tali dewmien.

Sostniet li ma kellux is-setgħat li jieħu azzjoni mgħaġġla mingħajr ma jissalvagwardja smigħ ġust u l-proċess amministrattiv. Dan l-argument kien kemm “ironiku kif ukoll kapriççjuż, irribatta l-PN. Filwaqt li fittxet li tagħti smigħ ġust lill-PBS-filwaqt li x-xandar pubbliku ma kienx qed josserva l-ordnijiet tal-Awtorità-, li naqset milli tintervjeni fil-ħin biex ittemm in-nuqqas ta’ imparzjalità u bilanċ għad-detriment tal-partit. Tali dewmien ikkawża “effett ta’ tkessiħ” fuq il-partit u l-messaġġ tiegħu.

Fil-fatt, dak id-dewmien u n-nuqqas ta’ azzjoni effettiva kien dak li wassal lill-PN biex ifittex rimedju ġudizzjarju. Barra minn hekk, l-Awtorità mhux biss kaxkret saqajha iżda wara ssospendiet ukoll il-piena mposta fuq il-PBS. It-tieni kwistjoni kienet tikkonċerna reklami politiċi mxandra fir-rigward tal-Baġit 2022.

Ħmistax-il minuta ta’ reklami tal-PN, kull wieħed ta’ 30 sekonda, kienu prattikament “newtralizzati” meta mqassma bejn reklami tal-gvern. L-ewwel qorti laqgħet it-talbiet tal-PN fir-rigward tal-ewwel inċident iżda mhux it-tieni. Fl-appell inċidentali tiegħu stess, il-PN talab lill-qorti biex tilqa’ t-talbiet tagħha fir-rigward tar-reklami tal-Budget u wkoll biex ireġġa’ lura d-deċiżjoni li biha l-ewwel qorti kienet iddikjarat lill-Ministru u lill-Avukat tal-Istat bħala mhux adatti.

L-Avukati Paul Borg Olivier u Francis Zammit Dimech qed jassistu lill-PN. Il-Profs Ian Refalo u l-avukat Mark Refalo qed jassistu lill-BA.

Ikkummenta