Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Gvern nieqes minn viżjoni u ideat għal ħajja aħjar f’pajjiżna – PN

Id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit ippreżentat dalgħodu hu xhieda ta’ Gvern nieqes minn viżjoni, minn ideat biex jittrasforma l-ekonomija Maltija u li joffrilha mudell ekonomiku ġdid.

Fi stqarrija ppubblikata minn Jerome Caruana Cilia il-Kelliem għall-Finanzi u Ivan J. Bartolo, il-Kelliem għall-Ekonomija u l-Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda ingħad li matul il-preżentazzjoni tad-Dokument ta’ Qabel il-Baġit, li minkejja li kienet miżgħuda b’dettall tekniku dwar il-qagħda ekonomika u finanzjarja ta’ pajjiżna, il-Ministru Clyde Caruana naqas milli jagħti ebda indikazzjoni ta’ jekk irnexxielux jikkonvinċi lil sħabu tal-Kabinett dwar il-bżonn ta’ sistema ekonomika ġdida u li ma tibqax tiddependi fuq importazzjoni bla rażan ta’ ħaddiema barranin, mingħajr ebda pjan. Dan għaliex filwaqt li l-Ministru ilu kemm-il darba jgħid li dan hu assolutament meħtieġ, il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ekonomija baqgħu jinsistu li l-ekonomija sejra tajba u ma kien hemm bżonn ebda bidla.

Il-Ministru tal-Finanzi qed jiġi injorat minn sħabu stess. Saħansitra, fl-aħħar jiem, f’turija ta’ kemm il-Gvern qata’ qalbu li jwassal għal bidla fil-mod ta’ kif taħdem l-ekonomija, li l-Ministru tal-Finanzi rama x-xugaman u qal li s-settur privat għandu jieħu f’idejh din il-bidla.

L-uniċi proposti konkreti li tkellem dwarhom il-Ministru huma ideat li l-Partit Nazzjonalista u għadd ta’ korpi kostitwiti ilhom jinsistu fuqhom: appuntu, il-bżonn ta’ mudell ekonomiku ġdid, l-importanza tal-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja, kif ukoll dwar il-bżonn li jissaħħu l-finanzi tal-pajjiż billi jitnaqqas id-dejn ta’ pajjiżna li riesaq kull ma jmur lejn ċifra li qatt ma rajna bħalha – dik ta’ €10 biljun.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll għadd ta’ inizjattivi konkreti li ressqu ‘l quddiem bosta rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fl-aħħar ġimgħat u jappella lill-Gvern biex jagħti każ dawn l-ideat u mhux jibqa’ jinsisti li jibqa’ għaddej gaffa fuq kulħadd.

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista għaddej ukoll b’ħidma wiesa’ ta’ djalogu biex tressaq il-viżjoni ekonomika tagħha fil-jiem li ġejjin.