Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Ħames snin ħabs wara li kien jisraq għad-droga

Serb ta’ 45 sena ġie kkundannat ħames snin ħabs mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia wara li nstab ħati ta’ diversi serqiet fosthom ta’ ‘hold-up’ minn ħanut tal-merċa fil-Mosta. Huwa ammetta stess mal-Pulizija li għamel dak li għamel għax kien “iddisprat għad-droga”.

Boban Smiljkovic kien tressaq il-Qorti mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia mixli fil-11 ta’ Diċembru 20202 li flimkien ma’ persuna oħra wettaq ‘hold-up’ fuq The Convenience Store tal-Mosta u li żamm impjegat kontra l-volontà tiegħu.

Huwa kien akkużat ukoll li fl-4 ta’ Novembru 2020 seraq oġġetti minn appartament fin-Naxxar; li fil-11 ta’ Jannar 2021 seraq għodda minn sit li kien għadu qed jinbena f’San Pawl il-Baħar; li fis-26 ta’ Jannar 2021 seraq mit-Trolees Supermarket f’San Pawl il-Baħar u li fis-26 ta’ Frar 2021 seraq oġġetti minn karozza pparkjata f’Ħal Qormi.

Meta l-Pulizija bdiet tinvestiga l-hold-up innutat mis-CCTV cameras il-vann li ntużat fis-serqa kellu fanal li ma kienx qed jaħdem u meta identifikaw il-vann kellmu lill-mara li kien reġistrat fuqha li qaltilhom li kienet biegħet il-vann lil oħtha.

Il-Pulizija hawn solvew il-każ għax meta kellmu lil oħtha din ammettiet li s-sieħeb tagħha, li huwa l-akkużat, kellu dipendenza fuq id-droga u li kienet qed tissuspetta li uża l-vann fis-serqa. Hi għarfet lis-sieħeb tagħha u persuna oħra li kellu miegħu.

Il-Pulizija arrestat lir-raġel u waqt l-interrogazzjoni ammetta li wettaq il-hold-up għax kien iddisprat għad-droga. Fil-Qorti rriżulta li ż-żewġ ħallelin kienu lebsin maskra tal-Covid u l-akkużat ippunta oġġett lejn l-impjegat li rriżulta li kien sempliċi lighter.

L-akkużat, li l-każ tiegħu nstema’ b’mod separat minn tal-persuna l-oħra, kien ukoll identifikat minn cvameras tas-sigurtà jwettaq is-serqiet l-oħra u għalhekk kien hemm biżżejjed provi biex instab ħati tagħhom ukoll.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti qieset, fost oħrajn, li matul il-proċeduri l-akkużat instab ħati ta’ serqa u attentat ta’ serqa oħra li għalihom kien ikkundannat 18-il xahar ħabs kif ukoll li f’dan il-każ irritorna wħud mill-affarijiet misruqa.