Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

“Ieqaf ipproteġi lill-politiċi kriminali u wettaq l-obbligu tiegħek”

Għaddew 20 xahar mindu l-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà sar jaf bil-każ tar-racket tal-benefiċċji soċjali. Iżda s’issa, il-Korp ħa azzjoni biss kontra dawk li ħadu fondi mhux intitolati għalihom u ma ħax azzjoni kontra l-moħħ wara dan ir-racket.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President ta’ Repubblika, Robert Aquilina qal li Gafà għandu minnufih iwarrab mill-pożizzjoni tiegħu hekk kif qed ikun ostaklu għal pajjiżna permezz ta’ nuqqas t’azzjoni quddiem dawk kompliċi fil-każ tal-benefiċċji soċjali.

Aquilina fakkar kif Gafà żamm skiet totali dwar dan kollu tant li ħeba mill-pubbliku għal sentejn sħaħ filwaqt li ressaq biss il-Qorti lil dawk li huwa sejħilhom “il-ħut iż-żgħir” iżda mhux lill-“ħut il-kbir”.

Il-President ta’ Repubblika qal li l-Kummissarju tal-Pulizija baqalu ħafna persuni x’iressaq il-Qorti, fosthom dawk li ffalsifikaw il-firem, dawk il-persuni li kienu il-moħħ wara dan kollu, u impjegati tal-Gvern li użaw il-pożizzjoni tagħhom għall-iskopijiet tagħhom, fosthom Silvio Grixti u persuni mill-Partit Laburista bl-iskop li jinxtraw il-voti għall-elezzjoni 2022.

Robert Aquilina kompla jgħid li n-nuqqas t’azzjoni minn Gafà qed twassal għal inġustizzji kbar filwaqt li fakkar li ħadd m’għandu jkun ‘il fuq mill-liġi.

Kien hawnhekk fejn appella biex wieħed jieqaf jipproteġi lill-politiċi kriminali u jwettaq l-obbligu tiegħu.

Ritratt: Joe Francalanza