Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

“Il-Gvern falla milli jsalva lill-Air Malta u falla lill-Air Malta” – PN

L-inċertezza tibqa’ tiddomina lil-linja nazzjonali tal-ajru

Wara li dalgħodu ħarġu rapporti fil-media li jgħidu li l-Air Malta se tkun qed tagħlaq wara l-falliment tal-Gvern, il-Gvern għandu jkun trasparenti u jgħid pubblikament x’se jkun qed jiġri fuq l-Airmalta u l-ħaddiema kollha tagħha.

Rapporti ta’ dan it-tip joħolqu inċertezza f’moħħ ħafna nies, fosthom l-impjegati, nies fit-turiżmu u klijenti tal-linja tal-ajru fost l-oħrajn.

Fi stqarrija ffirmata minn Ivan J. Bartolo Kelliem għall-Ekonomija u l-Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda, Ivan Castillo Kelliem għas-Settur Marittimu u x-Xogħol, Jerome Caruana Cilia Kelliem għall-Finanzi. Mario de Marco Kelliem għat-Turiżmu, il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-mod kif il-Gvern qed imexxi din is-sitwazzjoni kontinwament qed toħroġ fil-beraħ l-inkompetenza, in-nuqqas ta’ trasparenza u n-nuqqas qawwi ta’ rispett lejn l-istakeholders involuti.

Il-Gvern falla hu u falla lill-Air Malta. Il-piż finanzjarju kaġun tan-nuqqas tal-Gvern ta’ Abela qed ikun stmat għal €300 miljun, b’ċifra massiċċa li tkompli żżid it-tħassib.

Ir-reputazzjoni ta’ Malta fis-settur tal-avjazzjoni, kaġun ta’ din l-inċertezza mill-Gvern, qed tqajjem mistoqsijiet dwar il-kredibbiltà ta’ Malta fix-xena internazzjonali.

In-nuqqas ta’ salvagwardja tal-Air Malta u dak kollu sussegwenti għall-ħolqien ta’ linja nazzjonali ġdida tal-ajru ħalla lil ħafna jiddubitaw l-abbiltà tal-Gvern li jamministra kwistjonijiet kritiċi fl-aħjar interess taċ-ċittadini tiegħu.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-poplu Malti u Għawdxi jistenna li l-Gvern ta’ Robert Abela jkun trasparenti u onest dwar il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru.