Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Il-Ministru jgħid li hu u sħabu d-Deputati dejjem imxew “bil-kumpass morali”

Ma jikkonfermax jekk ivverifikax il-ħaddiema tiegħu kellhomx sehem f’din l-iskema

“Jiena, sħabi tal-Kabinett u tal-Grupp Parlamentari Laburista dejjem imxejna b’kumpass morali.”

Sostna dan il-Minsitru Clifton Grima meta l-Ħamis filgħodu Net News staqsieh jekk hu, bħal Robert Abela, jinsabx konvint li ħadd mid-Deputati tal-Labour preżenti humiex involuti fl-iskema qarrieqa tal-Benefiċċji Soċjali li allegatament – bis-sehem ta’ mill-inqas eks Deputat tal-Labour – ġew iffrodati miljuni ta’ ewro minn ħalq il-familji Maltin u Għawdxin.

Net News staqsa lill-Ministru Grima jekk ivverifikax jew talabx investigazzjoni sabiex jikkonferma li l-ebda uffiċjal jew ħaddiem fil-Ministeru tiegħu irreferiex persuni lill-eks Deputat Laburista Silvio Grixti.  Madanakollu huwa naqas milli jwieġeb direttament – u minflok saħaq li dejjem mexa kif suppost.

It-Tlieta filgħaxija l-ġurnalisti staqsew lill-Prim Ministru Robert Abela b’rabta ma’ dan is-suġġett fejn fil-bidu qal li kien hu li ħa passi fil-konfront ta’ Grixti lura fl-2021….u ftit tal-mumenti wara biddel kliemu, u stqarr li kien Grixti li rreżenja minn jheddu.

Filwaqt li din hija inkosistenza kbira minn naħa ta’ Abela – dan ifisser li meta l-Prim Ministru sejjaħ elezzjoni ġenerali fl-2022, huwa kien konxju bis-serq li twettaq mit-taxxi tal-Maltin u Għawdxin. U għaldaqstant ħeba kollox lill-poplu.

Mistoqsi dwar dan, Clifton Grima sostna li l-Prim Ministru diġà wieġeb lill-media.

Robert Abela stqarr ukoll illi mal-inqas xniegħa ta’ allegazzjoni huwa kien ħa passi fil-konfront ta’ Grixti…aġir kuntrastanti għall-aħħar meta wieħed iqabbel mal-imġieba li issa qed jieħu fil-konfront tal-Ministru Owen Bonnici – li ukoll, bħal Grixti, allegatament qed jissemma’ f’dan l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali.

Madanakollu, skont il-Ministru Clifton Grima hu flimkien ma’ sħabu kollha membri fil-Grupp Parlamentari Laburista dejjem imxew bil-kumpass morali.

Dan huwa l-istess kumpass li wassallhom sabiex jivvotaw kontra l-inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, l-istess moralità li waslet sabiex jinżlu eluf ta’ nies fit-toroq kontra l-liġi tal-abort, l-istess kumpass li wassal lil ħafna minnhom jgħattu kemm-il darba d-dnubiet ta’ sħabhom għad-dannu tal-poplu kollu.