Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Il-Parlament Ewropew jagħti arma ġdida lill-pajjizi membri favur xandir nazzjonali imparzjali u ħieles mill-indħil

Il-Parlament Ewropew ilbieraħ qabel li jvara arma ġdida biex il-pajjiżi msieħba kollha tal-Unjoni Ewropea jkollhom xandir nazzjonali tassew imparzjali u ħieles minn kull indħil politiku u li jkun verament fl-interess pubbliku… inkluż fir-rigward tal-Public Broadcasting Services (PBS).

Ilbieraħ filgħodu fil-vot tal-Kumitat CULT u bl-appoġġ ta’ sħab il-Partit Laburista fis-Soċjalisti Ewropej, il-membri parlamentari qablu u qegħdin jinsistu u jgħidu ċar u tond li għandu jieqaf l-indħil politiku fuq l-għażla tal-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet, l-edituri jew id-diretturi fuq il-Bord tal-Public Broadcasting Services.

B’emendi iswed fuq l-abjad il-proposta ta’ Regolament tgħid li dawn m’għandhomx jintgħażlu mill-Gvern fuq kriterji politiċi iżda għandu jkun hemm proċess ta’ selezzjoni oġġettiv u trasparenti miftuħ għal kulħadd.

F’kumment lil In-Nazzjon, il-kandidat għall-elezzjonijiet Ewropej Peter Agius, li segwa mill-qrib din id-diskussjoni, qal li dak li seħħ ilbieraħ fil-Parlament Ewropew jagħti arma ġdida għal xandir pubbliku bilanċjat f’Malta.

Il-Parlament Ewropew (Kumitat tal-Kultura) ivvota għal regolament li jgħid li l-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet u l-Bord Maniġerjali tal-Public Broadcasting Services iridu jintgħażlu mingħajr indħil politiku.

Peter Agius fisser li: “Kull fejn inkun niltaqa’ ma’ nies igergru kif ix-Xandir Pubbliku f’Malta mar lura għas-snin sebgħin. Ilbieraħ il-Parlament Ewropew tana arma ġdida biex inwaqqfu l-partiġjaniżmu fil-Public Broadcasting Services.

“L-MEPs qed jgħidu ċar u tond li l-ebda Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet jew l-editur jew id-diretturi fuq il-Bord tal-Public Broadcasting Services m’għandhom jintgħażlu mill-Gvern fuq kriterji politiċi iżda għandu jkun hemm proċess ta’ selezzjoni oġġettiv u trasparenti miftuħ għal kulħadd.”

Peter Agius kompla li fuq proposta tas-Soċjalisti Ewropej, il-Parlament Ewropew irid li fil-pajjiżi kollha tal-Ewropa x-xandir pubbliku jkollu awtonomija sħiħa u indipendenza sħiħa editorjali mill-Gvern u mill-politika biex jassigura servizz pubbliku b’mod imparzjali u indipendenti li jipprovdi l-veduti differenti ta’ opinjoni u informazzjoni lill-udjenzi tiegħu.

“Dan li jridu s-Soċjalisti Ewropej jistona bil-kbir ma’ dak li qed jagħmel il-Gvern Laburista f’Malta fejn il-PBS sar pupazz f’idejn Kastilja u fejn il-bulettin tal-aħbarijiet qed jiġi kundannat regolarment mill-Awtorità tax-Xandir għal żbilanċ fir-rappurtaġġ politiku.

“Bil-wiċċ tost kollu l-Gvern jibqa’ għaddej bl-istess linja editorjali li tonfoħ kemm tiflaħ l-inizjattivi tal-Gvern filwaqt li tmewwet il-vuċijiet l-oħra kollha ta’ alternattiva għall-Gvern,” qal Peter Agius.

Hu kompla li: “Ir-regolament il-ġdid ivvutat ilbieraħ fil-Kumitat CULT se jagħtina arma ġdida favur il-libertà tal-informazzjoni f’Malta. Dan ir-regolament issa se jibda jiġi negozjat mill-Parlament flimkien mal-Gvernijiet. “Nappella lill-Gvern biex jieqaf jilgħab il-logħba li jgħid ħaġa Brussell u jagħmel oħra Gwardamanġa. “Il-Ministru Owen Bonnici u Robert Abela għandhom jieqfu jindaħlu fil-PBS. Għandhom jibdew mill-proċess tal-għażla li beħsiebhom jibdew dalwaqt fil-Public Broadcasting Services.

“Nittama b’saħħa li m’għandhomx diġà lil xi ħadd magħżul minn wara l-kwinti biex jieħu post Norma Saliba u l-persuni l-oħra li qed jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi fil-Public Broadcasting Services.

“Nittama li l-proċess tal-għażla li qed jissemma jkun wieħed miftuħ u ġust b’mod li jippremja l-integrità u l-esperjenza ta’ dawk interessati li jagħtu servizz pubbliku u mhux it-tessera jew il-qrubija mal-Partit Laburista,” temm Peter Agius.