Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Il-Partit Nazzjonalista jawgura sena skolastika pożittiva, inklussiva u kreattiva

Il-politika tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ dejjem favur edukazzjoni ta’ eċċellenza, li fiha l-edukatur jingħata l-aħjar kundizzjonijiet u li fiha l-istudenti jitgħallmu fl-aħjar ambjent possibbli

Il-Partit Nazzjonalista jawgura sena skolastika pożittiva, inklussiva u kreattiva, hekk kif illum tibda s-sena skolastika 2023-2024.

Fi stqarrija Justin Schembri, il-Kelliem għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ qal li f’perjodu li fih is-settur edukattiv għaddej minn diversi tibdiliet, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen li l-bidliet li jagħmlu differenza huma dawk li jaffettwaw b’mod pożittiv lill-edukaturi u lill-istudenti kollha.

Għaldaqstant, l-edukazzjoni m’għandhiex tibqa’ biss marbuta mal-esperjeza akkademika, iżda trid tkun dejjem aktar esperjenza li twassal ‘il quddiem lil dawk li jridu u li jistgħu jaslu. Madankollu, kull rotta alternattiva, teknika u applikata għandha tkun żviluppata aktar biex kulħadd jikseb il-ħiliet essenzjali.

Dan jista’ jsir biss jekk bħala pajjiż nemmnu, ninvestu u nirrispettaw lill-edukaturi tagħna f’kull livell u nagħtu aktar spazju u attenzjoni individwali lit-tfal kollha.

Il-Partit Nazzjonalista jqis li Malta għandha tibda tħares bis-serjetà lejn mudell avvanzat li fih l-istudenti tagħna jiżviluppaw u jsiru individwi li jaħsbu, li jikkomunikaw, li janalizzaw, li jqisu u li jikkreaw u mhux studenti robotiċi f’mudell li mhux adattat u mmodernizzat għall-ħtiġijiet tal-lum.

Il-politika tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ dejjem favur edukazzjoni ta’ eċċellenza, li fiha l-edukatur jingħata l-aħjar kundizzjonijiet u li fiha l-istudenti jitgħallmu fl-aħjar ambjent possibbli.

Iva, flimkien jista’ jkollna sena skolastika pożittiva, inklussiva u kreattiva.