Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Ir-Russja: Trid tirritorna fil-Kummissjoni tan-NU għad-Drittijiet Umani minkejja l-atroċitajiet fl-Ukrajna

Teżisti possibbiltà li r-Russja mill-ġdid tibda tifforma parti mill-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet Umani u meta jidher li Moska qed tagħmel minn kollox biex tilħaq it-tragward permezz ta’ vot importanti li jsir ix-xahar id-dieħel….L-elezzjoni tal-10 ta’ Ottubru, intant, għandha sservi wkoll bħala evalwazzjoni tal-istatus attwali tar-Russja fuq livell internazzjonali wara li l-pajjiż ilu jmexxi l-gwerra fl-Ukrajna għal aktar minn sena u nofs.

L-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin wasslet biex ir-Russja, f’April, titkeċċa minn dan il-Kunsill ewlieni tan-Nazzjonijiet Uniti.

Madankollu, id-diplomatiċi Russi fil-preżent mhumiex jitilfu ċans wieħed għal lobbying mal-pajjiżi bil-ħsieb li r-Russja terġa’ tkun eletta bħala membru tal-Kunsill għat-tlett snin li jmiss.

Ir-Russi qed jiċċirkolaw dokument lill-Istati-membri tan-NU fejn qed jitolbu l-appoġġ għar-‘re-integrazzjoni’ ta’ pajjiżhom fl-imsemmi Kunsill.

Il-ġurnalisti tal-BBC kisbu kopja tad-dokument fejn ir-Russja qed twiegħed ‘biex issib is-soluzzjonijiet adekwati għall-issues tad-drittijiet umani’. Ir-Russi, fl-istess ħin, qed iħeġġu (f’referenza ovvja għall-Punent) ‘biex dan il-Kunsill ma jinbidilx fi strument li jservi biss l-interessi ta’ grupp partikulari ta’ pajjiżi’.

Dan kollu jindika li r-Russja tinsab iddisprata biex tikseb lura ftit tal-kredibbiltà internazzjonali fost l-akkużi kontinwi fil-konfront ta’ Moska b’relazzjoni mal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fl-artijiet Russi u waqt il-gwerra fl-Ukrajna.