Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Isir il-Pride March f’Għawdex bħala parti miċ-Ċelebrazzjonijiet tal-EuroPride Valletta 2023

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-EuroPride Valletta 2023, is-Sibt komplew f’Għawdex fejn sar il-Pride March, segwita b’kunċert bis-sehem ta’ diversi kantanti lokali.

Catherine Camilleri, Ko-ordinatriċi ta’ LGBTI+ Gozo, esprimiet kemm bħala organizzazzjoni jinsabu kburin li pparteċipaw fit-tieni Pride March f’Għawdex u  qieset dan il-mument bħala unur għaliha li qed sservi bħala rappreżentanta tal-komunità LGBTIQ+ f’Għawdex. Filwaqt li enfasizzat il-valuri ewlenin tal-komunità, Catherine Camilleri saħqet fuq l-importanza ta’ dawn il-prinċipji bħala parti minn vjaġġ kollettiv tal-komunità LGBTIQ+.

Preżenti għal dan il-pride march f’Għawdex kien hemm id-Deputati Nazzjonalisti Claudette Buttigieg u Alex Borg.

Din il-ġimgħa ngħata bidu għal Europride; avveniment mistenni minn eluf ta’ persuni b’attivitajiet li jvarjaw minn diskussjonijiet għal esebizzjonijiet varji – bil-qofol jintlaħaq fis-16 ta’ Settembru meta jsir il-Pride March.

Din is-sena l-pride qed isir fuq skala akbar fejn qed ikun organizzat Pride Village fi Pjazza Tritoni …. fejn qed isiru numru ta’ diskussjonijiet dwar suġġetti varji li żgur se qed iservu ta’ għarfien dwar l-importanza tal-komunità LGBTIQ+ f’pajjiżna.

Apparti minn hekk, qed issir ukoll esebizzjonijiet ta’ ritratti, arti kif ukoll filmati fi Spazju Kreattiv.

Din is-sena l-EuroPride qed toffri pjattaforma għal films fejn qed jintwerew diversi films abbinati mal-komunità li saru minn Maltin u anke dawk barranin.

Dan filwaqt li din hija l-ewwel sena fejn qed jipparteċipa kor magħmul minn persuni li huma parti mill-komunità LGBTIQ+ … kif ukoll numru ta’ avvenimenti oħra.

Il-qofol tal-Europride jintlaħaq fis-16 ta’ Settembru meta se jsir il-pride march li mistenni li jibda minn Triq Sant Anna fil-Furjana u jasal fi tmiemu fi Pjazza Tritoni. Wara, se jkun hemm kunċert li huwa mistenni minn eluf ta’ persuni hekk kif se tkanta l-artista ta’ fama internazzjoanli Christina Aguilera kif ukoll diversi artisti oħra; kemm Maltin kif ukoll internazzjonali.