Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Miċħuda talba oħra lil Roderick Cassar għall-ħelsien mill-arrest

Talba oħra li saret minn Roderick Cassar ta’ 43 sena mill-Qrendi mixli li qatel lil martu Bernice kienet għal darba miċħuda mill-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri li ddikjara li l-jedd ta’ ħelsien mill-arrest mhux wieħed awtomatiku.

Fi ftit aktar minn tliet xhur li kienet saret talba simili, l-Qorti reġgħet ma laqgħetx it-talba ta’ Cassar u caħdet mill-ġdid it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Cassar li jinsab mixli bil-qtil ta’ martu li seħħ fil-jum tat-Tnejn, 22 ta’ Novembru tal-2022, f’Kordin, viċin il-post tax-xogħol tagħha.

Cassar ressaq rikors ieħor fil-Qorti li fih talab li jingħata l-ħelsien mill-arrest għax fost oħrajn sostna li l-għotja tal-ħelsien mill-arrest hija r-regola ġenerali. L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oġġezzjona reġa’ oġġezzjona bil-qawwa kollha għal din it-talba għax sostna li Cassar jinsab mixli b’reat serju ħafna, jiġifieri l-omiċidju volontarju ta’ martu.

Fir-risposta tiegħu, l-Avukat Ġenerali sostniet li l-akkużat mhux persuna li tista’ toqgħod fuqha u fakkar kif l-akkużat kien qal lill-qraba tal-vittma li “kollha se tpattuha minn Ħaż-Żebbuġ sa Santa Luċija”. Semma’ wkoll kif f’post fuq Facebook, kien kien kiteb il-kliem “Revenge is a must”.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti nnotat li f’April u f’Mejju li għadda, ċaħdet talbiet simili mill-akkużat. Qalet li għalkemm, il-persuna akkużata hija preżunta innoċenti sakemm ma jkunx hemm dikjarazzjoni ta’ ħtija, madankollu, il-jedd għall-Ħelsien mill-Arrest mhux wieħed awtomatiku. 

Tenniet, li f’dan il-każ, mhux biss hemm il-preżunzjoni tal-innoċenza tal-akkużat, imma wkoll l-importanza tas-sigurtà taċ-ċittadin kif ukoll l-interess pubbliku. L-Imħallef Camilleri qal ukoll li għandu r-riżervi tiegħu dwar xhieda li ngħatat fis-seduta tal-Ħamis filgħodu minn John Cassar li fiha ddikjara li kien dispost jagħmel garanziji għal Cassar.

Kien għalhekk li l-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest għax qalet li għadu ma jirriżultalhiex li Cassar jista’ jimxi mal-kundizzjonijiet imposti fuqu f’każ li jingħata l-libertà proviżjora u għalhekk m’għandhiex is-serħan tal-moħħ.

L-ispettur Wayne Camilleri wieħed mill-investigaturi fil-każ kien qal lill-Qorti li fit-22 ta’ Novembru fit-8am, kien rċieva telefonata fil-control room tal-pulizija fejn qalulu li kienu qed isiru diversi telefonati dwar mara li sofriet xi tiri ta’ arma tan-nar u li kienet mejta fl-inħawi tal-Qasam Industrijali ta’ Kordin.

Huwa kien mar immedjatament fuq il-post, u wasal għall-ħabta tat-8:15am. “It-triq kienet magħluqa kompletament b’tejp tal-pulizija biex jinżamm kontroll fuq l-aċċess kollu għas-sit. Stajt ninnota karozza bajda f’nofs it-triq,” huwa kien spjega, li kienet il-karozza ta’ Bernice. Innota l-katavru mejjet fit-triq u ħafna demm niżel fit-triq.

Iż-żewġ bibien fuq in-naħa tal-passiġġier tal-karozza kienu miftuħa. It-tieqa tan-naħa tas-seat tas-sewwieq inkisret kompletament. “Stajt ninnota fuq il-katavru, li kien iħares ‘il fuq, li kien hemm sparatura fuq sidirha u sparatura f’wiċċha.” Jgħid li l-arma x’aktarx kienet shotgun. “Kien evidenti li t-tiri ġew sparati mill-qrib.”

Qal ukoll li grupp ta’ nies kienu qed jgħidu li kienu kollegi tal-vittmi. Il-katavru ġie identifikat bħala dak ta’ Bernice Cassar. Il-kollegi tagħha għarfu l-karozza tagħha, u kienu ċerti li l-katavru kien tagħha. Huma baqgħu jgħidu li hemm ċans li żewġha kien involut, peress li Bernice kienet tiftaħ qalbha dwar is-sitwazzjoni tagħha mal-kollegi tagħha.

L-ewwel suġġerimenti kienu li dan kien inċident tat-traffiku, peress li kien hemm karozza oħra fil-viċin. L-impressjoni mix-xhieda kienet li kien inċident tat-traffiku li eskala f’argument. Iżda x-xhud kien qal li l-aggressur niżel mill-karozza, beda joffendi lil Bernice Cassar, weġġagħha fiżikament, u wara qabad u sparalha u jisparaha tliet darbiet.

Kienu bdew proċeduri ta’ separazzjoni u bejniethom u kien hemm ħafna argumenti. Qalu li Roderick Cassar kien qed jagħmlilha ħajjitha diffiċli, u t-tnejn ma kinux qed jgħixu flimkien. Xhud ieħor kien qal li kien ċert li kien hemm tliet tiri ta’ arma tan-nar. Aktar investigazzjonijiet wasslu biex il-pulizija sabu t-tielet bullet li spiċċar fl-art ma laqtitx lil Bernice.

Għall-akkużat qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Arthur Azzopardi u Jacob Magri. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Darlene Grima u Angele Vella u Anthony Vella. L-Avukati Marita Pace Dimech u Ann Marie Cutajar qegħdin jidhru parte-civile għall-familja ta’ Bernice.