Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Rebħa drammatika għal Tottenham fuq Liverpool li temmew il-partita b’disa’ plejers

F’Londra rebħa drammatika minn Tottenham fuq Liverpool fl-aħħar minuta tal-partita bl-iskor ta’ 2-1. Liverpool temmew il-partita b’disa’ plejers biex b’hekk Tottenham u Arsenal huma l-uniku żewġ timijiet mhux megħluba fil-Premier League, wara t-telfiet ta’ Liverpool u Manchester City. Fis-26 minuta Liverpool jispiċċaw b’għaxar plejers meta tkeċċa Curtis Jones għal daħla fuq Yves Bissouma. Għaxar minuti wara Tottenham fetħu l-iskor meta kien Heung Min Son xeħet mill-viċin fix-xibka għal 1-0.

Minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, Liverpool kisbu d-draw b’gowl ta’ Cody Gakpo, li weġġa’ u kellu jkun mibdul fl-istess azzjoni tal-gowl. Fid-69 minuta Liverpool jispiċċaw b’disa’ plejers hekk kif tkeċċa is-sostitut Diego Jota, għat-tieni karta safra. Biex hekk kif kollox deher li l-partita se tintemm fi draw, minn cross ta’ Pedro Porro kien Joel Matip li xeħet fix-xibka tiegħu stess u tefa’ lill-partitarji ta’ Tottenham f’dillirju ta’ ferħ.

Rebħa importanti għal Arsenal barra minn darhom kontra Bournemouth bl-iskor ta 4-0. Huma fetħu l-iskor minn Bukayo Saka, qabel kien Martin Odegaard li mill-ħdax-il metru irdoppja għal Arsenal. Fit-tieni taqsima din id-darba kien Kai Havertz li mill-ħdax-il metru ma żbaljax għall-ewwel gowl tiegħu mal-club. Biex fl-aħħar minuta kien Ben White li bir-ras minn cross ta’ Odegaard, xeħet fix-xibka għal skor finali ta’ 4-0.

Tasal l-ewwel telfa għaċ-ċhampions Manchester City li barra minn darhom għand Wolves kienu megħluba bl-iskor ta’ 2-1. Wolves fil-vantaġġ fit-13-il minuta minn awto-gowl ta’ Ruben Dias, b’Manchester City jiksbu d-draw fit-58 minuta minn freekick ta’ Julian Alvarez. Biex fis-66 minuta kien Hwang-Hee Chan li minn pass ta’ Mattheus Cunha ikkonluda wara Ederson għal 2-1.

Premier League

Ilum: Aston Villa v Brighton 6-1, Bournemouth v Arsenal 0-4, Everton v Luton Town 1-2, Man Utd. v C’Palace 0-1, Newcastle v Burnley 2-0, West Ham v Sheff, Utd 2-0, Wolves v Man City 2-1, Tottenham v Liverpool 2-1
Għada: Nott. Forest v Brentford 3.00pm
It-Tnejn: Fulham v Chelsea 8.45pm