Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Rikors minn tliet Taljani li qalu li għandhom l-assi ffriżati minkejja li ġew illiberati

L-avukati ta’ żewġt irġiel u mara lkoll Taljani qalu li l-awtoritajiet Maltin naqsu milli jirrevokaw ordni ta’ ffriżar tal-assi maħruġa kontrihom fuq talba tal-awtoritajiet Taljani fl-2021, minkejja li qorti superjuri fl-Italja ħelsithom mill-ħtija.

Dan joħroġ minn rikors kostituzzjonali ppreżentat f’isem Vincenzo Cocozza, Simona de Giovanni, Umberto Cocozza u l-kumpaniji tagħhom Assiservice Properties Ltd u Assiservice Ltd. L-assi kollha li jappartjenu lilhom ilhom iffriżati minn Ottubru 2021, f’termini ta’ ordni ta’ ffriżar li kienet inħarġet fuq il-bażi ta’ talba mill-Italja, minħabba investigazzjonijiet dwar reati ta’ ħasil ta’ flus li kienu għadhom għaddejjin dak iż-żmien.

It-tliet Taljani kienu akkużati b’rabta ma’ skandlu ta’ frodi ta’ kumpanija tal-assigurazzjoni li jammonta għal miljuni ta’ ewro f’ħasil ta’ flus qed jitolbu lill-Qorti Kostituzzjonali tiddikjara li nkisru d-drittijiet fondamentali tagħhom skont il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, kif ukoll tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Vincenzo Cocozza, Umberto Cocozza u Simona de Giovanni ressqu rikors kostituzzjonali li miegħu jissemmew il-kumpaniji Assiservice Properties Ltd u Assiservice Ltd kontra l-Avukat Generali, l-Kummissarju tal Pulizija, u l-Avukat tal-Istat. Huma qed jitolbu lill-Qorti tordna biex dawn jirtiraw l-Ordni ta’ Investigazzjoni u Sekwestru kontrihom u mmedjatament tordna r-revoka u tħassir immedjat tiegħu.

L-Avukat Jason Azzopardi, wieħed mill-Avukati li qed jidher għat-Taljani u l-kumpaniji rispettivi qed jitlob lill-Qorti biex ukoll tillikwida d-danni kollha materjali u morali hekk kaġunati u biex l-AĠ, l-Kummissarju u l-Avukat tal-Istat ihallsuhom id-danni kollha bl-imgħax  mid-data tal-ħruġ tal-Ordni ta’ Sekwestru fil-25 t’Ottubru 2021. Biex ukoll tagħti kull provvediment ieħor xiereq biex tiżgura t-twettiq tad-drittijiet tagħhom miksura.

Skont dak li kien ġie rappurtat fil-media internazzjonali kumpanija tal-assigurazzjoni Maltija spiċċat f’nofs skandlu ta’ frodi li jammonta għal miljuni ta’ ewro f’ħasil tal-flus minn seba’ persuni flimkien ma’ 18-il avukat f’Napli. Dan kien ġie rrappurtat f’bosta siti tal-aħbarijiet Taljani.

Il-każ jinvolvi 2,800 każ ta’ claims foloz wara inċidenti tat-traffiku li fihom instab li persuni ġew imħallsa sabiex jixhdu falz. Jidher li l-flus li ddaħlu minn dawn , il-kriminalitajiet intbagħtu f’kumpanija bbażata f’Malta.

Kien ġie spjegat ukoll li kull xhud falz tħallas €100 għal kull darba li xehed  Xi snin ilu skont Ansa, il-Pulizija f’Napli ordnat sabiex dawn l-avukati jinżammu f’arrest f’darhom. Intant is-seba’ persuni li organizzaw dan l-iskandlu dak iż-żmien ġew arrestati mill-Pulzija.

Ir-rikors jgħid li fil-25 ta’ Ottubru tal 2021, l-Avukat Ġenerali kien hareg fil-konfront tat-Taljani Ordni ta’ Investigazzjoni u Sekwestru u dan abbazi ta’ talba li kienet saret mill-awtoritajiet Taljani dovuta ghall-investigazzjonijiet li kienu għaddejjin dwar allegat ħasil ta’ flus jew reati simili li allegatament kienu saru fl-Italja qabel Ottubru tal- 2021.

Illiberati minn Qorti superjuri f’Ruma

Illi fis-27 ta’ Mejju tal-2022, il-Qorti tal-Kassazzjoni f’ Ruma tat sentenza finali fejn iddikjarat b’mod car illi ma kien hemm ebda element ta’ reat ta’ ħasil ta’ flus kommess  u ghaldaqstant kienet irrevokat is-sentenza tat-Tribunal ta’ Napli tal-14 ta’ Gunju 2021, hekk kif kien mitlub fir-rikors maghmul quddiem l-istess Qorti ta’ Kassazzjoni, u f’liema sentenza l-Kassazzjoni kienet estromettiet kompletament ‘l ġurisdizzjoni Maltija mill-iskop tal-investigazzjonijiet.

Minkejja din is-sentenza definittiva tal-Qorti tal-Kassazzjoni f’Ruma, fejn issa huma ħielsa minn kull akkuża penali kontra tagħhom fl-Italja u ħielsa wkoll minn kull investigazzjoni penali fil-konfront tagħhom, l-Ordni ta’ Investigazzjoni u Sekwestru mahrug mill-Avukat Ġenerali ta’ Malta fl-2021 għadu fis-seħħ.

Dan meta s-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni f’Ruma tas-27 ta’ Mejju 2022 iddikjarat ċar u tond li ma kien hemm ebda element ta’ reat ta’ ħasil ta’ flus marbut mal-akkużati u laqgħet fl-intier tiegħu r-rikors maghmul minnhom quddiemha minhabba u rrevokat is-sentenza tat-Tribunal ta’ Napli tal-14 ta’ Gunju 2021.

Ir-rikors jgħid li Vincenzo Cocozza għandu f’idejh ħemel ċertifikati ta’ diversi professuri mediċi, tobba u kliniċi mediċi Taljani li juru u jikkonfermaw li Vincenzo Cocozza għandu problemi serji ta’ saħħa u għandu diċabilità severa.

Jeħtieg il-flus għall-kura u ħhall-intervent kiruruġiku, iżda ma jistax jagħmel użu mill-flus tiegħu u ta’ martu fil-kontijiet fil-banek f’Malta għax għadhom issekwestrati bla bżonn, grazzi għall-prerogattiva tal-Avukat Generali ta’ Malta.

Ir-rikors jisħaq ukoll li l-flus li hemm fil-kontijiet bankarji f’Malta huma kollha flus li l-persuni li qed isofru dan kollu m’għandhom ebda diffikultà li jindikaw u jispjegaw u jiċċertifikaw l-oriġini tagħhom, għax huma kollha leġittimi, kieku xi ħadd f’Malta indenja ruħu jistaqsihom dwarhom, huma lesti u jistgħu jispjegaw kull ċenteżmu li hemm, inkluż l-introjtu minn bejgħ ta’ proprjeta immobbli f’Malta.   

Għall-kompletezza jingħad ukoll li sa Frar ta’ din is-sena stess, l-avukati Taljani tagħhom ġew Malta u marru l-FCID biex jiltaqgħu mal-Ispettur inkarigat mill-każ u joffrulu kull informazzjoni li kellu bżonn, iżdaa kien kollu għal xejn. L-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta ffirmaw ir-rikors.